Test oriġinali bil-Malti. English summary below for non-Maltese readers.
Minn meta bdejt ir-riċerka tiegħi fuq l-istorja tat-teatru f’Malta bdejt inżur l-Arkivji Nazzjonali. Ilni xi erba’ snin inżurhom, u dejjem issorprendieni l-ammont ta’ informazzjoni rieqda, fatti u stejjer li hemm magħluqin ir-Rabat. Dejjem ngħid li xi darba, meta nlesti, naqbad qabda magħhom. It-teżi u l-istudji għadhom mhux lesti, imma ħsibt li dan is-sajf nerġa’ nipprova nibda nikteb xi noti, riflessjonijiet, ħsibijiet u osservazzjonijiet.
Is-sajf ħafna drabi nassoċjawh man-naturali: xemx, baħar, ikel barra, iljieli twal. Ġisem għajjien bis-sħana jew frisk bil-baħar. Imma meta tfittex il-kelma “summer” fl-arkivju, is-sajf jidher ukoll bħala sistema: ħinijiet tal-gvern, uniformijiet, btajjel tal-iskola, lidos, ilbiesi bojod, permessi, ilmenti u organizzazzjoni.
Dawn huma ftit punti qosra minn dak li jikxef l-arkivju.
Is-sajf bħala amministrazzjoni
Fost ir-rekords li ħarġu hemm proposta tal-1916 biex is-sigħat tas-sajf tad-Dipartimenti tal-Gvern jiġu estiżi għax-xahar ta’ Ġunju1. Is-sajf hawn mhux biss staġun, imma arranġament amministrattiv: il-ġisem tal-impjegat, il-ġurnata tax-xogħol, u s-sħana jidħlu fil-karta tal-Istat.
Fl-1918 insibu wkoll telegramma dwar materjal għall-ilbies tas-sajf ta’ scouts fil- “Greek Aegean“2, u rekord ieħor dwar l-esportazzjoni ta’ 500 uniformi tas-sajf għall-baħrin tal-Flotta Griega3. Is-sajf jidher bħala drapp, bħala ħwejjeġ, bħala moviment militari u kolonjali madwar il-Mediterran.
Btala, xogħol u awtorità
Aktar tard, fl-1943, insibu l-“White Summer Helmets for the Police Force” — elmi bojod tas-sajf għall-pulizija4. Dettall żgħir, kważi komiku, imma qawwi: is-sajf jaffettwa l-forma tal-awtorità. Anki l-uniformi tal-poter trid tinbidel quddiem ix-xemx.
Imbagħad hemm rekord tal-1922: il-Malta Union of Teachers tipprotesta kontra t-tnaqqis tal-vaganzi tas-sajf5. Hawnhekk is-sajf isir kwistjoni ta’ mistrieħ, xogħol u dritt. Mhux sempliċiment vaganza, imma territorju kontestat bejn istituzzjoni u ħajja ta’ kuljum.
Il-Baħar jinqasam
U mbagħad jidħlu l-lidos: “Marsaxlokk“, “Delimara” u “St George’s“, Rekords dwar użu, ilmenti, aċċess ta’ ċivili u personnel tar-RAF6. Il-baħar, li llum ħafna drabi narawh bħala spazju miftuħ u pubbliku, fl-arkivju jidher maqsum, amministrat, ikkontrollat. Min jista’ jidħol? Min għandu dritt juża l-ilma? Min jagħmel ilment meta post jinbidel f’żona privata?
Venere u l-BBQ
Mill-arkivji Nazzjonali ħa nħares waħda lejn l-arkivji personali. Bejn dawn il-karti npoġġi żewġ tpinġijiet żgħar: waħda b’palma taħt stilla mis-serje 1A ta’ TinyIslandSeries, li nsejħilha Venere; u oħra ta’ barbeque, bħal altar żgħir Malti tas-sajf. Venere ġġib magħha l-idea ta’ lejl, xewqa, baħar u stilla. Il-barbeque jġib il-ġisem lura lejn l-art: duħħan, ikel, ħbieb, u sħana oħra fuq is-sħana.

Palma, baħar u stilla: sajf bħala xewqa, lejl u gżira.
Forsi s-sajf Malti dejjem kien hekk: mhux biss staġun, imma taħlita ta’ amministrazzjoni u ħolm. Bejn il-file tal-gvern u l-grill fil-bajja, fil-bitħa, fis-sqaq. Bejn il-lido u l-ilment. Bejn elmu abjad u l-istilla ta’ filgħaxija.
L-arkivju ma juriniex sajf wieħed. Jurina ħafna sjuf: sajf tal-ħaddiema, sajf tal-iskola, sajf tal-armata, sajf tal-baħar, sajf tal-pulizija, sajf tal-ġisem u sajf tal-fantasija.
U forsi hemmhekk, bejn Venere u l-BBQ, jibda sajf ieħor: mhux bħala kartolina, imma bħala memorja li għadha ttektek fuq il-ħatab.

Referenzi arkivjali
- NAM-CSG-01-1764/1916, Summer hours of Government Departments; Suggestion for extension to month of June, 27 April 1916. ↩︎
- NAM-CSG-01-736/1918, Telegram from Commissioner Greek Aegean Scouts to Malta Boy Scout Association: “Is it possible obtain 250 yards material for clothing scouts summer also any other equipment…”, 5 February 1918. ↩︎
- NAM-CSG-01- 3110/1918, Exportation of 500 summer uniforms for the sailors of the Greek Navy; Forwards, for instruction, application for Consul for Greece for – C. of C. 15 June 1918 ↩︎
- NAM-CSG-01-4084/1943, White Summer Helmets for the Police Force, 19 June 1943. ↩︎
- EDU-01-0703/1922, Correspondence from Malta Union of Teachers protesting against curtailment of summer holidays, 6 September 1922. ↩︎
- PWD 1921–1970-008882, Use of the “Lido” at Marsaxlokk by civilians and RAF personnel, c. 1950.
NAM-CSG-01-6947/1946, Complaint regarding the establishment of a private R.A.F. Lido at Delimara. Not. R. Frendo Randon, L.L.D., 19 September 1946.
PWD 1921–1970-009181, St. George’s Lido, 1954. ↩︎
English summary
This is a short companion summary for non-Maltese readers. The original text is in Maltese.
The text looks at summer through archival fragments from Malta’s National Archives. Rather than treating summer only as a natural season of sun, sea, heat, food and long evenings, it asks what summer looks like inside government records. A search for “summer” at the National Archives of Malta reveals another kind of season: one organised through working hours, uniforms, school holidays, police helmets, lidos, permissions, complaints and access to the sea.
Alongside these archival notes, I placed two drawings: one of a palm under a star from TinyIslandSeries, imagined here as Venus; and another of a BBQ from one of my sketchbooks, like a small Maltese summer altar. Venus brings night, desire, sea and island fantasy. The barbecue brings the body back to earth: smoke, food, friends, heat layered on heat. The piece suggests that Maltese summer has always been more than a postcard: it is a mixture of administration and dreaming, leisure and authority, public space and control, fantasy and ordinary life.
